Bħala l-Awtorità Kompetenti responsabbli għas-sigurtà tal-avjazzjoni f’Malta, id-Dipartiment tas-Sigurtà tal-Avjazzjoni (AVSEC Malta), tissorvelja l-implimentazzjoni korretta tal-obbligi u miżuri tas-sigurtà fl-avjazzjoni li joħorġu minn trattati internazzjonali, konvenzjonijiet u organizazzjonijiet u kif ukoll fora internazzjonali li Malta tifforma parti minnhom.
 
Internazzjonali

ICAO
 
L-organizazzjoni Internazzjonali tal-Avjazzjoni Ċivili (ICAO) hija l-Aġenzija speċjalizzata tan-Nazzjonijiet Uniti li nħolqot fl-1944 sabiex tippromwovi l-iżvilupp sigur u ordnat tal-avjazzjoni ċivili fuq livell internazzjonali. Dan jiġi mwettaq billi tistabilixxi standards u regolamenti meħtieġa għas-sikurezza, is-sigurtà, l-effiċjenza u r-regolarità tal-avjazzjoni, kif ukoll għall-protezzjoni tal-propjetà li topera fl-avjazzjoni ċivili. L-organizazzjoni sservi bħala l-forum għall-kooperazzjoni fl-oqsma kollha tal-avjazzjoni ċivili fost il-193 Stat Membru tagħha. Malta hija membru tal-organizazzjoni Internazzjonali tal-Avjazzjoni Ċivili (ICAO), li saret firmatarja tal-Konvenzjoni ta’ Chicago fl-1964.
 
Reġjonali
 
UE
 
Id-Direttorat Ġenerali għall-Mobilità u t-Trasport (DG Move) fi ħdan il-Kummissjoni Ewropea jipprovdi miżuri ġenerali u dettaljati dwar is-sigurtà tal-avjazzjoni ċivili li huma soġġetti għal-liġi tal-Unjoni sabiex jiġu implementati. Miżuri bħal dawn ikopru l-oqsma tas-sigurtà tal-avjazzjoni li huma indikati hawn taħt:
 
• Sigurtà fl-Ajruport
• Sigurtà tal-Ajruplani
• Passiġġieri u Bagalji tal-Kabina
• Bagalji tal-Istiva
• Merkanzija u Posta
• Posta u Materjali li jappartjenu għat-Trasportaturi bl-Ajru
• Provvisti ta’ matul it-Titjiriet
• Provvisti tal-Ajruport
• Miżuri tas-sigurtà abbord titjira
• Reklutaġġ u Taħriġ tal-Persunal
• Apparat tas-Sigurtà


Malta saret membru tal-Unjoni Ewropea fl-2004.

ECAC
 
Il-Konferenza Ewropea tal-Avjazzjoni Ċivili (ECAC) hija organizazzjoni ta’ 44 Stat Membru Ewropew u parti integrali mill-familja tal-ICAO u mit-trasport globali bl-ajru. . Il-missjoni tal-ECAC hija l-promozzjoni tal-iżvilupp kontinwu ta’ sistema Ewropeja tat-trasport bl-ajru sikura, effiċjenti u sostenibbli, inkluż fl-aspetti tas-sigurtà tal-avjazzjoni. Meta tagħmel dan, tfittex li tarmonizza l-policies u l-prattiċi tal-avjazzjoni ċivili fost l-Istati Membri tagħha, u tippromwovi ftehim dwar kwistjonijiet ta’ policies bejn l-Istati Membri tagħha u reġjuni oħra tad-dinja. Malta saret membru tal-ECAC fl-1979.
 
Nazzjonali
Il-Ministru għall-Intern, is-Sigurtà u x-Xogħol (MHSE) huwa l-Ministru responsabbli għas-sigurtà tal-avjazzjoni f’Malta. Il-Kap tas-Sigurtà tal-Avjazzjoni huwa l-uffiċjal pubbliku responsabbli għat-tmexxija u l-kontroll tas-sigurtà tal-avjazzjoni f’ajruporti tat-territorju Malti. AVSEC Malta, immexxija mill-Kap tas-Sigurtà tal-Avjazzjoni, fi ħdan il-Ministeru għall-Intern, is-Sigurtà u x-Xogħol ġiet innominata bħala l-Awtorità Kompetenti responsabbli għas-salvagwardjar tal-avjazzjoni ċivili f’Malta.